Futbol

Article in other languages:

Il-plejer attakkant (bl-uniformi ħamra) qabeż lid-difensur (bl-uniformi bajda) u qed jipprepara biex jixxutja. Il-gowler (uniformi skura) se jipprova jipprevjeni li l-ballun jaqbeż il-linja tal-gowl.

Il-futbol huwa sport tat-timijiet u jintlagħab bejn żewġ timijiet ta' ħdax-il plejer kull wieħed. Dan l-isport hu kkunsidrat fost l-iktar sport famuż u segwit madwar id-dinja.[1][2] Din il-logħba tintlagħab fuq grawnd rettangulari tal-ħaxix jew wieħed artifiċjali, b'żewġ lasti fuq kull naħa. L-objettiv tal-logħba hu li wieħed jiskorja billi jimmanuvra l-ballun fil-lasta opposta. Ġeneralment, il-gowler huwa l-uniku plejer li huwa permess li juża' idejh jew driegħu biex jimpedixxi l-ballun; il-kumplament tat-tim, ħafna drabi, juża' saqajh biex jixxutja l-ballun, u xi drabi wkoll jużaw is-sider jew rashom biex jinterċettu l-ballun 'il fuq mill-art. It-tim li jiskorja l-aktar gowls sal-aħħar tal-partita jirbaħ. Jekk l-iskor jibqa' pari fl-aħħar tal-logħba, jew jiġi ddikjarat li pari hu r-riżultat tal-partita, jew inkella l-partita tmur fil-ħin supplementari u/jew fl-għoti tal-penalties, skont il-format tal-kompetizzjoni.

Il-logħba moderna ġiet standarizzata fl-Ingilterra wara l-formazzjoni tal-Football Association, fejn ir-Regoli tal-Logħba tal-1863 iffurmaw il-pedamenti ta' kif tintlagħab il-logħba. Il-futbol hu mmexxi fuq bażi internazzjonali mill-Fédération Internationale de Football Association (Federazzjoni Internazzjonali tal-Assoċjazzjoni tal-Futbol), magħrufha aħjar bl-akronimu tal-FIFA. L-iktar kompetizzjoni prestiġjuża għal dan l-isport hi t-Tazza tad-Dinja, li ssir kull erba' snin. Dan l-avveniment, li hu l-aktar avveniment segwit fid-dinja, jattira d-doppju tal-udjenza li ssegwi l-Logħob Olimpiku tas-sajf.

Werrej

Storja u l-iżvilupp tal-logħba

Mappa li turi l-popolarità tal-futbol madwar id-dinja. Pajjiżi fejn il-futbol hu l-aktar sport popolari huma kkuluriti bl-aħdar, waqt li pajjiżi fejn mhux huma b'kulur aħmar. Id-diversi lwien ħodor u ħmura jindikaw n-numru ta' plejers f'kull 1,000 abitant.

Logħob li l-bażi tagħhom kienet dik li wieħed jagħti daqqa lil ballun ilhom jintlagħbu diversi snin fl-istorja f'diversi pajjiżi. Skont il-FIFA, il-forma l-iktar bikrija tal-logħba li tagħha hemm evidenza xjentifika tmur lura għat-tieni u t-tielet seklu qabel Kristu fiċ-Ċina (il-logħba ta' cuju)[3] Diversi forom ta' futbol kienu jintlagħbu fl-Ewropa medjevali, minkejja li r-regoli kienu jvarjaw kemm mill-perjodu li kien jintlagħab u anki mill-post.

Ir-regoli moderni tal-futbol huma bbażati fuq l-isforzi li saru f'nofs is-seklu dsatax biex il-logħba tal-futbol tiġi standarizzata mid-diversi forom ta' din il-logħob li kienet qed tintlagħab fl-iskejjel pubbliċi tal-Ingilterra.

Regoli tal-logħba

Hemm sbatax-il regola fir-regoli uffiċjali tal-logħba. Dawn ir-regoli huma applikati għal kull livell tal-futbol, allavolja ċerti modifikazzjonijiet jiġu sottoposti għal ċerti gruppi.

Kull tim għandu jkollu ħdax-il plejer (barra is-sostituti) li wieħed minnhom għandu jkun il-gowler. Ċerti regoli tal-logħba jgħidu li l-inqas numru tal-plejers hu dak ta' sebgħa.[4] Il-gowlers huma l-uniċi persuni li jistgħu jużaw idejhom, imma dan jistgħu jagħmluh biss ġewwa l-erja l-kbira. Il-plejers jilbsu ħwejjeġ li jikkonsistu minn flokk, xorts, kalzetti, papoċċ u shin guards. Il-plejers ma jistgħux jilbsu affarijiet perikolużi bħal xi arloġġ jew ġojjelerija. Il-gowler irid jilbes ħwejjeġ li jkunu differenti mill-plejers u r-referì.[5]

In-numru ta' sostituti użati tvarja skond il-format tal-kompetizzjoni. Waqt logħob ta' kompetizzjoni jew mill-kampjonat nazzjonali, in-numru hu ta' tlieta. F'ċerti logħob, bħal-logħob ta' ħbiberija, in-numru jista' jkun iktar.[6]

Ir-referì jikkontrolla l-logħba bl-użu tar-regoli. Hu jkun assistit minn żewġ assistenti. F'logħbiet importanti r-raba' uffiċjal huwa inkluż u fit-Tazza tad-Dinja, il-ħames uffiċjal jgħin lir-referì.[7]

Ħarsa ġenerali

Skop tal-logħba

Il-gowler jaqbeż biex ma jħallix il-ballun jidħol fix-xibka

L-iskop tal-logħba hu li titfa' l-ballun fil-gowl avversarju, fejn din tkun tikkonsisti minn żewġ lasti vertikali u waħda orizzontali li tgħaqqadhom. Ir-regola prinċipali li tvarja dan l-isport minn dak tar-rugby hu l-fatt li ma tistax la żżomm u lanqas tolqot il-ballun b'idejk; il-partijiet tal-ġisem kollha huma aċċettati. Il-plejer fir-rwol ta' gowler hu l-uniku li jista' jmiss il-ballun b'idejh, imma biss fil-kaxxa tiegħu.

Rwoli

Fil-futbol hemm erba' pożizzjonijiet prinċipali: il-gowler, id-difensur, il-midfilder u l-attakkant. Il-plejers jidħlu għal partita fejn huma jilgħabu taħt ċertu tattika u metodu ta' logħob.

Ħin tal-logħba

Il-ħin normali tal-logħba hu dak ta' 90 minuta u huma maqsumim f'żewġ partijiet f'ħamsa u erbgħin minuta kull waħda, u bejniethom ikun hemm intervall ta' kwarta qabel ma tibda t-tieni taqsima.[8] Qabel it-tmiem taż-żewġ taqsimiet, ir-referì jiddeċidi jekk iżidx il-ħin tal-logħob, u dan isir minħabba xi ħin mitluf minħabba sostituzzjonijiet, xi plejers li jkunu weġġgħu jew anki xi problemi min-nies preżenti. Differenti minn xi ċerti sports hu li fil-futbol il-ħin jibqa' sejjer bid-differenza li f'xi sports dan jieqaf wara li jkun hemm xi okkażjonijiet (bħal ma jiġri fil-baskitbol). Il-partita tista' tkun anki sospiża minħabba xi problemi kemm mir-referì u anki minn qbil bejn iż-żewġ captains tat-timijiet opposti.

Każijiet partikulari

F'kompetizzjonijiet fejn ikollhom bżonn eliminazzjoni diretta jew rebbieħ tal-konfront u l-partita tispiċċa wara l-ħin normali b'pari, ir-referì jżid 30 minuta oħra (maqsumin f'żewġ taqsimiet ta' kwarta l-waħda). Jekk ir-riżultat jibqa' indifferenti, il-logħba tgħaddi għall-għoti tal-penalties. Qabel l-użu ta' dawn il-metodi, kienet tiġi użata sistema stramba fejn it-timijiet jagħżlu parti ta' munita (fuq jew isfel) u ta' min tiġi tajba jirbaħ din il-partita.

Konfederazzjonijiet

Il-FIFA (Fédération Internationale de Football Association) tiggwida l-logħba tal-futbol u logħob oħra li għandhom x'jaqsmu mal-futbol, bħall-futsal u beach soccer. Il-kwartieri ġenerali tal-FIFA jinsabu ġewwa Żurigu fl-Iżvizzera.

Hemm sitt konfederazzjonijiet reġjonali li huma assoċjati mal-FIFA. Dawn huma:

Il-pajjiżi kollha li għandhom tim nazzjonali huma affiljati kemm mal-FIFA kif ukoll mal-konfederazzjoni. Dan jiddependi skond f'liema kontinent jinsab il-pajjiż.

Kompetizzjonijiet

Fost l-iktar avveniment famuż fil-futbol hi t-Tazza tad-Dinja li kull erba' snin toffri emozzjonijiet kbar madwar id-dinja. Aktar minn 190 tim jieħdu sehem fil-kwalifikazzjonijiet tat-Tazza tad-Dinja. Il-finali tinkludi 32 tim, li kienu ġew miżjuda għal dan in-numru fl-1998, meta sal-1994 kienu eleġibbli li jikwalifikaw 24. It-Tazza tad-Dinja 2006 saret fil-Ġermanja u l-edizzjoni tat-2010 se ssir ġewwa l-Afrika t'Isfel.[9]

Hemm kompetizzjonijiet oħra li joffru l-parteċipazzjoni kemm tat-timijiet nazzjonali u anki tal-klabbs:

Konfederazzjonijiet

Referenzi

  1. ^ Soccer (Ingliż). Encarta. Aċċessata nhar il-19-05-2008.
  2. ^ Soccer Popularity In U.S. (Ingliż), KXAN, 12-06-2006 (Aċċessata nhar il-08-04-2008).  "Soccer is easily the most popular sport worldwide, so popular that much of Europe practically shuts down during the World Cup."
  3. ^ History of Football (Ingliż). FIFA. Aċċessata nhar il-03-03-2008.
  4. ^ Regoli tal-logħba (Regola 3 - Numru ta' plejers), FIFA.com (01-03-2008)
  5. ^ Regoli tal-logħba (Regola 4 - Aċċessorji tal-plejers), FIFA.com (01-03-2008)
  6. ^ Regoli tal-logħba (Regola 3 - Proċedura ta' sostituzzjoni), FIFA.com (01-03-2008)
  7. ^ Regoli tal-logħba (Regola 5 - Ir-referì), FIFA.com (01-03-2008)
  8. ^ Regoli tal-logħba (Regola 7.2 - Ħin tal-logħba), FIFA.com (01-03-2008)
  9. ^ Tazza tad-Dinja 2010 Afrika t'Isfel, FIFA.com (29-02-2008)

Ħoloq esterni

Commons-logo.svg
Wikimedia Commons għandha fajls multimedjali relatati ma':
Wikinews-logo.svg
Fil-Wikibarijiet hemm aħbarijiet relatati:

Questions for article: african socer nacions, ballape, fifa sıralamasında ülke futbolş takımları, fotbalovy balon, futbol, futbola izarren-liga, voetbal kale uzunlugu, wikipedia jugadores mas famosos del futbol socer, www.ac mailan football club.com

This article is from Wikipedia. All text is available under the terms of the GNU Free Documentation License.


IHS Europe: Infrared Heating Systems for Home and Business.